L-Oppożizzjoni b’mozzjoni biex iz-Zonqor jerġa’ jgħaddi għand il-Gvern

minn Alvin Vassallo

Read in English

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni lill-Ispeaker, Anglu Farrugia, biex art fiz-Zonqor tittieħed lura mill-Gvern u ma tibqax f’idejn il-kumpanija Sadeen Education Investiment.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonlista, David Agius, qal li l-kumpanija Saddeen ma rnexxilhiex tattira n-numru ta’ studenti li hu stipulat fil-kuntratt li fl-ewwel sena kellhom ikunu 300.Qal li kienu biss 15-il student li applikaw mal-Universita Amerikana ta’ Malta tant li kellhom jitkeccew numru ta’ lecturers u jonqos bin-nofs in-numru tal-istudenti mbassra għas-sena d-dieħla.

Huwa qal li diġà hemm ħames għaqdiet ambjentali li qegħdin isejħu biex l-art tingħata lura lill-pubbliku. Is-Sur Agius qal li jittama li l-Gvern jiddiskuti malajr kemm jista’ jkun din il-mozzjoni biex l-art fiz-Zonqor terga tingħata lura lill-pubbliku u tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Qal li din l-art m’għandhiex titħalla għall-ispekulazzjoni speċjalment meta tinsab f’żona barra mill-iżvilupp.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ambjent, Karol Aquilina, qal li la darba l-obbligi tal-kuntratt u l-għan ewlieni li ghaliha ngħatat l-art ma ntlaħaqx, l-art għandha terġa’ tingħata lura lill-pubbliku. Dr Aquilina, qal li l-Oppożizzjoni sa mill-bidu nett tas-sena qed tagħti sinjal li se tkun serja u tiffoka fuq dak li jridu n-nies.

Reazzjoni Partit Laburista:

F’reazzjoni l-PL qal li l-PN qed jippruva jaqbad ma’ interpretazzjonijiet ta’ stqarrijiet li qed jittieħdu barra l-kuntest biex ikomplu jiġġieldu l-istess aġenda negattiva ta’ Simon Busuttil. Qal li aħjar il-PN jiftakar kif fl-aħħar xhur il-Gvern indika iktar minn darba li x-xogħol fuq il-kampus taż-Żonqor, mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), għandu jibda meta l-kampus ta’ Bormla, li qed jara l-Baċir Numru Wieħed jkun irrestawrat u jingħata l-ħajja, ikun qed iservi l-iskop tiegħu u jkun hemm bżonn espansjoni.

Rapport Tony Dimech

Relatati