Omm tirrakkonta kif spiċċat tgħix fil-karozza ma’ bintha

minn Ritianne Agius

Read in English

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Stephen McCarthy, qal lill-programm Dissett li l-Awtorità ser tieħu f’idejha dalwaqt 30 appartament li ser jinkrew mill-privat biex jingħataw għall-akkomodazzjoni soċjali. L-awtorità qed tanalizza l-offerti għal 180 proprjetà oħra li l-privat offra li jikrilha għal għaxar snin bħala parti minn skema li tnediet f’Settembru.

Bħalissa hemm 3,200 applikazzjoni għal djar tal-Gvern, bil-pressjoni tkompli tiżdied minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-kera. Is-Sur Mc Carthy qal li l-awtorità se tibda eżerċizzju biex tiltaqa’ mal-applikanti kollha biex tifhem aħjar iċ-ċirkostanzi tagħhom. Tnejn mill-applikanti fetħu qalbhom ma’ Television Malta dwar is-sitwazzjoni tagħhom u tas-suq attwali tal-kera.

Fl-aħħar tliet snin, Maria u bintha li għandha erbatax-il sena, għexu f’karozza, f’kamra waħda mingħajr ventilazzjoni u ġo xelter għal persuni f’diffikultà.

L-omm, tistqarr li kellhom joħorġu minn darhom minħabba vjolenza domestika u trawma li għaddiet minnha bintha u li għadha ġġorr il-konsegwenzi tagħha sal-lum.

Għall-ewwel, għexu ġimgħa ġol-karozza għaliex ma riditx li jgħixu ġo xelter. “Ninħaslu min jaf kemm ġieli sibna latrini u nmorru niddellku hemmhekk. Il-lejl vera tal-biża’,” qalet Maria.

Irrakkuntat li għal sentejn għexu f’kamra b’kera ta’ €360 fix-xahar, barra d-dawl u l-ilma. “Kienet kamra veru umduża spiċċali kollox fiha. Min jaf kemm konna nqumu filgħodu ksieħ kbir, ventilazzjoni ta’ xejn, insibu ħafna ilma ġewwa anke mal-art.”

L-omm qalet li ma setgħux ikomplu jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet u l-kera li talbuha kienet tlaħħaq it-€800 fix-xahar. Għalhekk ma kelliex triq oħra ħlief li tħabbat il-bieb ta’ xelter fejn għexet għal xahrejn u nofs. Illum tgħix f’dar li qed tikri b’€550 fix-xahar minbarra d-dawl u l-ilma. Hi iżda qed taqsam il-kera ma’ persuna oħra li tgħix magħha.

Omm żagħżugħa wkoll spiċċat torqod fil-karozza qabel marret f’xelter

Il-kera hija wkoll ta’ piż għal Rachel, omm ta’ 27 sena li sentejn ilu spiċċat torqod f’karozza. Qalet li sabet ruħha fit-triq meta ntemmet ir-relazzjoni ma’ raġel.

“Spiċċajt ma kellix fejn imur ħlief għand il-ġenituri tiegħi. Ir-raġuni hi li l-post kien tiegħu u ma kellix l-‘ebda say’ la ma konniex miżżewġin. Mort għand il-mami u ggravat meta erġajt mort lura d-dar. Spiċċajna b’naqra vjolenza domestika u ma flaħtx iktar,” qalet Rachel.

Rachel illum tgħix f’xelter. L-omm żagħżugħa qalet li qed tipprova ssib post biex tikri.”Infittex infittex għall-kirjiet… kollox €700, €500 ‘one bedroom’, u għalija li naħdem part-time huwa diffiċli hafna li nikri dawk it-tip ta’ postijiet biex naffordja. Anki biex taqsam kamra għandek €350.”

Maria u Rachel huma tnejn fost mijiet li applikaw għal post mal-Awtorità tad-Djar, iżda t-tnejn għadhom jistennew għax jgħidulhom li m’hemmx post.

Rapport Ruth Castillo, Adrian Spiteri

Relatati